My Exams

Id-Dipartiment tal-Eżamijiet huwa responsabbli għat-tmexxija tal-eżamijiet għall-ħruġ ta’ Liċenzji ta’ Awtorizzazzjoni A u B għat-Twettiq ta’ Installazzjoni, Alterazzjoni, Estensjoni u Ċertifikazzjoni ta’ Installazzjonijiet Elettriċi skont L.S. 545.24.


AĠĠORNAMENT – 27 ta’ Awwissu 2025

Avviż Importanti: Sillabu Aġġornat għall-Eżamijiet għall-Awtorizzazzjoni A u B

Il-Bord tal-Eżamijiet Pubbliċi Lokali u r-Reġistratur tal-Eżamijiet jixtiequ jinfurmaw lill-kandidati li se joqogħdu għall-eżamijiet tal-Awtorizzazzjoni A u B li, b’seħħ minn Jannar 2026 qed jiġi introdott sillabu aġġornat. Kandidati prospettivi li beħsiebhom ipoġġu għal dawn l-eżamijiet huma avżati bis-sħiħ biex jikkonsultaw is-sillabi u l-materjal l-ieħor hawn taħt.

Is-Sillabu validu minn Jannar 2026 Awtorizzazzjoni A

Is-Sillabu validu minn Jannar 2026 Awtorizzazzjoni B


Avviż lill-Kandidati – Test Prattiku u Intervista Settembru 2025

Il-kandidati kollha li huma skedati li jpoġġu għat-Test Prattiku u Intervista f’Settembru 2025 huma mgħarrfa li għandhom jikkonformaw mas-sillabu pprovdut hawn taħt.

Is-Sillabu validu sa Ottubru 2025 Awtorizzazzjoni A

Is-Sillabu validu sa Ottubru 2025 Awtorizzazzjoni B

Tista’ ssib arkivju ta’ sillabi antiki applikabbli qabel Jannar 2023 hawn .


Il-kundizzjonijiet meħtieġa biex persuna tpoġġi għall-eżami għal waħda minn dawn il-liċenzji lokali huma dawn li ġejjin:

L-eżamijiet għall-ħruġ ta’ Licenzji ta’ Awtorizzazzjoni A u B għat-Twettiq ta’ Installazzjoni, Alterazzjoni, Estensjoni u Ċertifikazzjoni ta’ Installazzjonijiet Elettriċi skont L.S. 545.24 isiru darbtejn fis-sena, f’Jannar/Frar u f’Lulju. Hemm żewġ tipi ta’ Awtorizzazzjoni:

  1. Awtorizzazzjoni A għat-Twettiq ta’ Installazzjoni, Alterazzjoni, Estensjoni u Ċertifikazzjoni ta’ Installazzjonijiet Elettriċi Single-Phase
  2. Awtorizzazzjoni B għat-Twettiq ta’ Installazzjoni, Alterazzjoni, Estensjoni u Ċertifikazzjoni ta’ Installazzjonijiet Elettriċi Single-Phase u Installazzjonijiet Elettriċi Three-Phase b’Kapaċità sa 300 Amp kull Fażi

Kandidati li joqogħdu għall-eżami għall-Awtorizzazzjoni A jew għall-Awtorizzazzjoni B iridu jpoġġu għal żewġt eżamijiet tal-kitba. Kandidati li jiksbu pass mark fiż-żewġ karti tal-kitba jkunu eliġibbli biex joqogħdu għat-Test Prattiku u l-Intervista. Dawn il-Kandidati jridu jiksbu pass fit-Test Prattiku u l-Intervista biex ikunu jistgħu japplikaw mar-REWS għall-Awtorizzazzjoni A jew Awtorizzazzjoni B.

Persuni li jikkwalifikaw fil-karti tal-eżami bil-kitba imma ma jgħaddux mit-Test Prattiku u l-Intervista m’għandhomx għalfejn jerġgħu jpoġġu għall-eżamijiet bil-kitba sakemm it-Test Prattiku u l-Intervista jsiru f’perijodu li ma jeċċedix is-sentejn(2) mill-Eżami bil-Kitba.

Il-ħruġ ta’ dawn il-liċenzji jsir mir-REWS (Regulator for Energy and Water Services) sakemm li l-kandidati jissodisfaw ir-rekwiżiti kollha. Għal iktar tagħrif, tista’ tikkonsulta s-sit elettroniku tar-REWS.

L-avviż fir-rigward tal-eżami t’hawn fuq jiġi ppubblikat fil-Gazzetta tal-Gvern madwar ix-xahar ta’ April (għas-sessjoni ta’ Lulju) u Novembru (għas-sessjoni ta’ Jannar/Frar).

Avviż dwar it-Test Prattiku u l-Intervista

Kandidati li jkunu għaddew kemm fl-Ewwel kif ukoll fit-Tieni karta tal-Liċenzja rispettiva huma meħtieġa joqogħdu għat-Test Prattiku u l-Intervista. It-Test Prattiku jikkostitwixxi 70% mill-marka totali filwaqt li l-Intervista huwa 30%. L-eżami jkun twil siegħa, inklużi 15-il minuta ħin ta’ preparazzjoni u 45 minuta għat-Test Prattiku u l-Intervista. Il-kandidati jridu jiksbu marka globali ta’ mill-inqas 50% biex jgħaddu.

  • Test Prattiku: 70%
  • Intervista: 30%
  • Tul tal-eżami: Siegħa (1) – (15-il minuta preparazzjoni + 45 minuta Test Prattiku u Intervista)
  • Marka biex tgħaddi mit-Test Prattiku u l-Intervista: Minimu ta’ 50%

Il-parti prattika ta’ dan it-Test tkun ibbażata fuq is-sillabu. It-Test se jkun magħmul minn sessjoni prattika li tapplika l-kunċetti tar-Regolamenti tal-Installazzjonijiet tal-Elettriku permezz tal-użu ta’ tagħmir/strumenti differenti.

Aktar dettalji:

Il-kandidati huma meħtieġa li jkollhom taħriġ, esperjenza u għarfien ta’ protokolli ta’ sikurezza biex jimminimizzaw ir-riskju ta’ korriment jew ħsara. Huwa importanti li tiġi enfasizzata l-applikazzjoni prattika tal-għarfien fi prattiċi tax-xogħol siguri u l-konformità mar-regolamenti tal-IET matul il-proċess tal-eżami. Il-kandidati għandhom juru li huma profiċjenti fi prattiċi siguri ta’ installazzjoni elettrika, identifikazzjoni u użu ta’ għodda elettriċi, tagħmir u materjali, u l-abbiltà li jagħmlu dijanjożi tal-ħsarat u jsewwuhom.

Il-kandidati li jagħmlu eżami bħal dan jeħtieġ li jkollhom l-għarfien tekniku neċessarju u l-ħiliet prattiċi rilevanti biex iwettqu xogħol ta’ installazzjoni elettrika b’mod sikur f’konformità mal-istandards tas-sikurezza nazzjonali, ir-regolamenti u l-kodiċi ta’ prattika. It-Test Prattiku se jkejjel il-kompetenza tal-kandidati biex jaħdmu b’mod effettiv u sikur f’ambjent ta’ riskju għoli. It-Test Prattiku jagħmel enfażi fuq l-esperjenza tal-kandidati u l-applikazzjoni tal-għarfien teoretiku għal sitwazzjonijiet awtentiċi tal-ħajja reali f’konformità mal-Istandards u r-Regolamenti tas-Saħħa u s-Sigurtà rilevanti għall-Installazzjoni Elettrika.

Il-kandidati se jintalbu jużaw il-bordijiet tal-installazzjoni elettrika ddiżinjati speċifikament għal dan it-Test Prattiku, u tagħmir ieħor tal-ittestjar biex iwettqu xogħol ta’ installazzjoni elettrika. Waqt it-Test Prattiku, il-kandidati se jingħataw skript biex jiktbu fuqu waqt l-eżami, li se jimtela biex jissostanzjaw il-proċess tal-kompitu prattiku.

Il-kandidati se jingħataw struzzjonijiet u linji gwida ċari u konċiżi qabel ma jibdew it-Test Prattiku. Matul din is-sessjoni prattika, l-eżaminaturi se jistaqsu lill-kandidati mistoqsijiet relatati mat-tagħmir, il-leġiżlazzjoni u r-regolamenti, ibbażati fuq ir-Regolamenti tal-IET dwar Wiring, it-Test Prattiku assenjat u l-esperjenza prattika tagħhom. Huwa importanti li l-kandidati u l-għalliema tagħhom jirreferu wkoll għar-Regolamenti dwar l-Istallazzjonijiet Elettriċi, Leġiżlazzjoni Sussidjarja 545.24 kif imsemmi hawn fuq, waqt li jkunu qed jippreparaw għat-Test Prattiku.

Jistgħu jiġu ppreżentati firxa ta’ sitwazzjonijiet u eżerċizzji biex tiġi ttestjata l-kapaċità tal-kandidati li jaħdmu b’mod sigur u effiċjenti taħt kundizzjonijiet varji. Dan jista’ jinkludi xogħol bi provvista ta’ vultaġġ single-phase fil-każ tal-Liċenzja ta’ Awtorizzazzjoni A, u bi provvista ta’ vultaġġ three-phase fil-każ tal-Liċenzja ta’ Awtorizzazzjoni B. Il-kandidati jridu juru għarfien tal-perikli potenzjali meta taħdem b’tagħmir elettriku, kif ukoll fehim ta’ protokolli ta’ sikurezza u regolamenti għall-prevenzjoni ta’ inċidenti/korrimenti.

Waqt is-sessjoni prattika l-kandidati se jiġu mitluba jwieġbu mistoqsijiet relatati mar-Regolamenti tal-IET, il-bords tal-installazzjoni elettrika li jkunu qed jiġu spezzjonati jew mibnija, u l-użu korrett tal-għodda u t-tagħmir tal-ittestjar.

Dan li ġej huwa linja gwida tat-Test Prattiku kemm għal-Liċenzja A kif ukoll għal-Liċenzja B:

• wiring ta’ ċirkwit

• issolvi l-problemi/tiddentifika ħsarat ta’ ċirkwiti u tagħmir elettriku

• ċirkwiti ta’ installazzjoni elettrika;

• l-użu ta’ strumenti ta’ ttestjar bħal voltmeter, ammeter, ohmmeter, tester tal-insulazzjoni u earth fault loop impedance;

• l-użu tal-għodda xierqa.

Is-suċċess fl-eżami prattiku jiddependi fuq il-kapaċità tal-kandidati li juru fehim qawwi tal-protokolli u l-proċeduri ta’ sikurezza, kif ukoll għarfien sħiħ ta’ tekniki ta’ installazzjoni elettrika f’ambjenti domestiċi u dawk industrijali, skont il-Liċenzja ta’ Awtorizzazzjoni li l-kandidati jkunu qed japplikaw għaliha. F’dan ir-rigward, huwa rrakkomandat li l-kandidati jirrevedu bir-reqqa u jiffamiljarizzaw ruħhom mal-linji gwida tas-sikurezza u l-proċeduri għal xogħol ta’ installazzjoni elettrika, u li jkunu ppreparati b’mod adegwat.